Preżentazzoni tar-Rapporti Annwali 2016 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Dwar ir-rapport: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri hija l-istituzzjoni indipendenti tal-awditjar tal-UE — il-gwardjani tal-finanzi tal-UE. Din il-pubblikazzjoni tagħti sommarju tas-sejbiet u l-konklużjonijiet prinċipali tar-Rapporti Annwali tal-QEA dwar il-baġit tal-UE u l-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2016. Hija tkopri l-affidabbiltà tal-kontijiet, ir-regolarità tal-introjtu u tal-infiq kif ukoll aspetti tal-prestazzjoni kumplessiva tal-baġit. It-testijiet sħaħ tar-rapporti huma disponibbli fuq is-sit web www.eca.europa.eu u f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli wkoll f'23 lingwa u fil-formati li ġejjin:
PDF EPUB PRINT
PDF General Report EPUB General Report Paper General Report

Introduzzjoni mill-President

Din is-sena l-Qorti Ewropea tal-Awdituri tiċċelebra l-40 anniversarju tagħha. Aħna ilna aktar minn 20 sena noħorġu d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħna dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet tal-UE u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati.

Għall-ewwel darba mill-1994, aħna qed noħorġu opinjoni kwalifikata (minflok opinjoni avversa) dwar ir-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet għall-2016. Dan jirrifletti titjib importanti fil-ġestjoni tal-finanzi tal-UE. Parti sinifikanti mill-infiq tal-2016 li awditjajna ma kienx milqut minn livell materjali ta’ żball, u aħna osservajna li kien hemm titjib sostnut fil-livell ta’ żball stmat għall-pagamenti li saru mill-baġit tal-UE matul dawn l-aħħar tliet snin: minn 4.4 % fl-2014, għal 3.8 % fl-2015 u 3.1 % fl-2016. Fl-aħħar nett, bħal fis-snin preċedenti, aħna nikkonkludu li l-kontijiet tal-UE għall-2016 jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-UE.

Għall-ġejjieni, kif stipulajna fl-istrateġija tagħna għall-perjodu 2018-2020, aħna ddeċidejna li nagħtu ħarsa mill-ġdid lejn il-mod ta’ kif nawditjaw il-baġit tal-UE. B’mod partikolari, biħsiebna nieħdu aktar kont tal-livelli differenti ta’ kontrolli interni, li jintużaw fil-Kummissjoni Ewropea u fl-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri għall-ġestjoni tal-infiq tal-UE. B’dan il-mod, in-nuqqasijiet li għad fadal isiru aktar evidenti u aħna nkunu nistgħu wkoll nippromwovu l-obbligu ta’ rendikont u nkomplu ntejbu l-ġestjoni tal-finanzi tal-UE.

Klaus-Heiner LEHNE
President tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Riżultati kumplessivi

Sejbiet ewlenin

Sommarju tad-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni 2016

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri tagħti opinjoni favorevoli dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet tal-Unjoni Ewropea għall-2016.

Id-dħul għall-2016, meħud fl-intier tiegħu, kien legali u regolari, bħal fis-snin preċedenti.

Il-pagamenti għall-2016 kienu legali u regolari, ħlief għall-pagamenti bbażati fuq ir-rimborż tal-ispejjeż.

Għat-test sħiħ tad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħna, jekk jogħġbok irreferi għall-Kapitolu 1 tar-Rapport Annwali 2016.

  • Il-kontijiet għall-2016 tħejjew skont standards internazzjonali u jippreżentaw, fl-aspetti materjali kollha, stampa vera u ġusta tas-sitwazzjoni finanzjarja. Għalhekk, kif kien il-każ kull sena mill-2007 ’il hawn, aħna nagħtu opinjoni favorevoli dwar l-affidabbiltà tagħhom.
  • Kien hemm titjib sostnut fil-livell ta’ żball stmat fil-pagamenti li saru mill-baġit tal-UE matul dawn l-aħħar ftit snin: 2016: 3.1 %, 2015: 3.8 % u 2014: 4.4 %. Barra minn hekk, fl-2016, parti sinifikanti mill-infiq awditjat - pagamenti bbażati fuq drittijiet - ma kinitx milquta minn livell materjali ta’ żball. Għalhekk, għall-ewwel darba minn meta bdejna nipprovdu dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni fl-1994, aħna qed noħorġu opinjoni kwalifikata dwar il-pagamenti għall-2016.
  • Pagamenti bbażati fuq drittijiet isiru lil benefiċjarji talli ċerti kundizzjonijiet ikunu ġew issodisfati aktar milli bħala rimborż tal-ispejjeż. Huma jirrappreżentaw madwar nofs l-infiq awditjat fl-2016 u jinkludu għajnuna diretta lill-bdiewa, l-akbar parti tal-infiq taħt “Riżorsi Naturali: Appoġġ tas-suq u għajnuna diretta” (b’livell ta’ żball stmat ta’ 1.7 %) u “Amministrazzjoni” (0.2 %). Dawn iż-żewġ oqsma kellhom livell ta’ żball stmat li kien taħt is-soll ta’ materjalità ta’ 2 %. Attivitajiet oħra ffinanzjati permezz ta’ pagamenti bbażati fuq drittijiet huma fellowships għall-istudenti u għar-riċerka, u miżuri agroambjentali.
  • Pagamenti bbażati fuq ir-rimborż tal-ispejjeż isiru lil benefiċjarji li jkunu ġarrbu spejjeż li jistgħu jiġu rrimborżati mill-fondi tal-UE. Dawn jinkludu nfiq fl-oqsma li għandhom l-ogħla rati ta’ żball: “Riżorsi Naturali: Żvilupp rurali, ambjent, azzjoni klimatika u sajd” (b’livell ta’ żball stmat ta’ 4.9 %) u “Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali” (4.8 %). Attivitajiet oħra ffinanzjati permezz ta’ pagamenti bbażati fuq ir-rimborż tal-ispejjeż huma proġetti ta’ riċerka, skemi ta’ taħriġ u programmi ta’ żvilupp.
  • Għall-biċċa l-kbira mill-oqsma, ir-rappurtar mill-Kummissjoni dwar ir-regolarità jikkonforma b’mod ġenerali mar-riżultati tagħna. Il-Kummissjoni wkoll issib, kumplessivament, livell materjali ta’ żball.
  • L-azzjoni korrettiva applikata mill-awtoritajiet fl-Istati Membri u mill-Kummissjoni kellha impatt pożittiv fuq il-livell ta’ żball stmat. Mingħajr din l-azzjoni, il-livell kumplessiv ta’ żball stmat minna kien ikun ogħla b’1.2 %. Kien hemm informazzjoni suffiċjenti disponibbli biex proporzjon sinifikanti ta’ żbalji jiġu prevenuti, jew biex jinqabdu u jiġu kkoreġuti. Li kieku din l-informazzjoni ntużat biex l-iżbalji jiġu kkoreġuti, il-livell ta’ żball stmat għall-infiq kumplessiv fuq “Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali” u “Ewropa Globali” kien ikun taħt is-soll ta’ materjalità ta’ 2 % fl-2016.
  • Din is-sena, l-ammont totali ta’ pagamenti li l-UE impenjat lilha nfisha li tagħmel minn baġits futuri kien ogħla minn qatt qabel. Dan l-ammont huwa mistenni li jkompli jogħla sal-2020. Jenħtieġ li l-eliminazzjoni ta’ dawn l-arretrati u l-prevenzjoni tal-ħolqien ta’ oħrajn ġodda jkunu prijoritajiet meta jkun qed jiġi ppjanat il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għall-perjodu li jibda fl-2020.
  • Aħna qabbilna l-qafas stabbilit mill-Kummissjoni għar-rappurtar dwar il-prestazzjoni ma’ prattika tajba f’amministrazzjonijiet oħra. Aħna nikkonkludu li jenħtieġ li l-Kummissjoni tissimplifika l-kejl tal-prestazzjoni, pereżempju billi tnaqqas drastikament l-għadd ta’ objettivi u indikaturi.
It-test sħiħ tar-Rapporti Annwali tagħna dwar il-baġit tal-UE u dwar l-attivitajiet iffinanzjati mit-8, mid-9, mill-10 u mill-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2016 huwa disponibbli fuq is-sit web tagħna (http://www.eca.europa.eu/mt/Pages/DocItem.aspx?did=41732).

Min aħna

Bħala l-awditur estern tal-UE, il-missjoni tagħna hija li nikkontribwixxu għat-titjib tal-ġestjoni finanzjarja tal-UE, li nippromwovu l-obbligu ta’ rendikont u t-trasparenza, u li naġixxu bħala l-gwardjan indipendenti tal-interessi finanzjarji taċ-ċittadini tal-UE.

Aħna nwissu dwar riskji, nipprovdu aċċertament, nindikaw nuqqasijiet u suċċessi, u noffru gwida lil dawk li jfasslu l-politika u lil-leġiżlaturi tal-UE dwar kif jistgħu jtejbu l-ġestjoni tal-politiki u l-programmi tal-UE. Permezz tax-xogħol li nwettqu, aħna niżguraw li ċ-ċittadini tal-Ewropa jkunu jafu kif flushom qed jintnefqu.

X’awditjajna

Id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħna dwar il-baġit tal-UE

Il-baġit tal-UE jiġi maqbul kull sena mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fi ħdan il-kuntest tal-oqfsa finanzjarji pluriennali (QFP). Hija primarjament ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tiżgura li l-baġit jintnefaq sew.

Kull sena, aħna nawditjaw id-dħul u l-infiq tal-baġit tal-UE u neżaminaw jekk il-kontijiet annwali humiex affidabbli, u jekk it-tranżazzjonijiet tal-introjtu u tal-infiq jikkonformawx mar-regoli u r-regolamenti applikabbli fil-livell tal-UE u f’dak tal-Istati Membri.

Dan jifforma l-bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni, li aħna meħtieġa nipprovdu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill taħt l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Il-Baġit 2016 tal-UE f’ċifri

L-infiq baġitarju huwa strument sinifikanti għall-ilħuq tal-objettivi ta’ politika tal-UE.

Fl-2016, l-infiq ammonta għal total ta’ EUR 136.4 biljun, jew madwar EUR 267 għal kull ċittadin. Bħala medja, l-infiq tal-UE rrappreżenta 2.0 % tal-infiq totali tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri tal-UE.

Minn fejn jiġu l-flus?

Il-baġit tal-UE huwa ffinanzjat b’diversi mezzi. L-akbar sehem (EUR 95.6 biljun) jitħallas mill-Istati Membri, proporzjonalment għall-introjtu nazzjonali gross tagħhom. Sorsi oħra jinkludu dazji doganali (EUR 20.1 biljun), kif ukoll taxxa fuq il-valur miżjud miġbura mill-Istati Membri (EUR 15.9 biljun).

Fuq xiex jintnefqu l-flus?

Il-baġit annwali tal-UE jintnefaq fuq firxa wiesgħa ta’ oqsma (ara d-Dijagramma 1).

Dijagramma 1

Infiq awditjat fl-2016

Il-pagamenti jsiru biex jappoġġaw attivitajiet varji, bħall-biedja u l-iżvilupp ta’ żoni rurali u urbani, proġetti ta’ infrastruttura tat-trasport, riċerka, taħriġ għal nies qiegħda, appoġġ għal pajjiżi li jixtiequ jissieħbu mal-UE, jew għajnuna lil pajjiżi ġirien u lil pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Madwar żewġ terzi tal-baġit jintnefaq taħt dik li hija magħrufa bħala “ġestjoni kondiviża”, fejn huma l-Istati Membri individwali li jiddistribwixxu l-fondi u jimmaniġġjaw l-infiq skont il-liġi tal-UE u dik nazzjonali (eż. fil-każ tal-infiq fuq “Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali” u “Riżorsi naturali”).

X’sibna

Il-kontijiet tal-UE jippreżentaw stampa vera u ġusta tas-sitwazzjoni finanzjarja

Il-kontijiet tal-UE għall-2016 tħejjew skont l-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku, u jippreżentaw, fl-aspetti materjali kollha, stampa vera u ġusta tar-riżultati finanzjarji tal-UE għas-sena u tal-assi u l-obbligazzjonijiet tagħha fi tmiem is-sena.

Għalhekk aħna stajna nagħtu opinjoni favorevoli dwar l-affidabbiltà (jiġifieri ċ-“ċertifikazzjoni” minna) tal-kontijiet, kif ilna nagħmlu kull sena mill-2007 ’l hawn.

L-infiq tal-UE huwa legali u regolari, ħlief għall-pagamenti bbażati fuq ir-rimborż tal-ispejjeż

Aħna nittestjaw kampjun ta’ tranżazzjonijiet mill-baġit kollu tal-UE biex nipprovdu stimi tal-punt sa fejn id-dħul u l-oqsma differenti ta’ nfiq huma milquta minn żball. Għal aktar informazzjoni dwar l-approċċ tal-awditjar tagħna u l-livell ta' żball stmat ikklikkja hawn.

Aħna nikkonkludu li d-dħul kien ħieles minn żball materjali.

Għall-2016, aħna noħorġu opinjoni kwalifikata dwar il-pagamenti li saru mill-baġit tal-UE. Aħna qed nagħmlu dan għall-ewwel darba minn meta bdejna nipprovdu dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni fl-1994.

Aħna nistmaw li l-livell ta’ żball fl-infiq, meħud fl-intier tiegħu, huwa ta’ 3.1 % (ara d-Dijagramma 2). Dan kien 3.8 % fl-2015 u 4.4 % fl-2014.

Dijagramma 2

Livell ta’ żball stmat għall-baġit tal-UE fl-intier tiegħu (2014 sa 2016)

Noti:Aħna nużaw tekniki standard tal-istatistika biex nistmaw il-livell ta’ żball. Aħna nistgħu naffermaw, bi grad ta’ fiduċja ta’ 95 % li l-livell ta’ żball għall-popolazzjoni jinsab fil-firxa bejn il-limiti inferjuri u superjuri tal-iżball (għal aktar dettalji, ara l-Kapitolu 1, l-Anness 1.1 tar-Rapport Annwali 2016).

L-iżbalji kienu prinċipalment limitati għall-pagamenti bbażati fuq ir-rimborż tal-ispejjeż, li għalihom aħna nistmaw livell ta’ żball ta’ 4.8 %. Għall-pagamenti bbażati fuq drittijiet, aħna nistmaw livell ta’ żball ta’ 1.3 %, li huwa taħt is-soll ta’ materjalità tagħna ta’ 2 % (ara d-Dijagramma 3).

Dijagramma 3

Madwar nofs l-infiq tal-2016 huwa ħieles minn żball materjali

Għalhekk, aħna nikkonkludu li l-pagamenti għall-2016 huma legali u regolari, ħlief għall-pagamenti bbażati fuq ir-rimborż tal-ispejjeż.

X’inhuma pagamenti bbażati fuq drittijiet u pagamenti bbażati fuq ir-rimborż tal-ispejjeż?

L-infiq tal-UE huwa kkaratterizzat minn żewġ tipi ta’ nfiq li jinvolvu profili distinti ta’ riskju:

  • Pagamenti bbażati fuq drittijiet, fejn il-pagamenti huwa bbażat fuq l-issodisfar ta’ ċerti kundizzjonijiet; pagamenti bħal dawn jinkludu, fost oħrajn, fellowships għall-istudenti u għar-riċerka (taħt l-infiq fil-qasam ta’ “Kompetittività”), għajnuna diretta għall-bdiewa (taħt “Riżorsi naturali”), jew salarji u pensjonijiet għall-persunal tal-UE (taħt “Amministrazzjoni”).
  • Pagamenti bbażati fuq ir-rimborż tal-ispejjeż, fejn l-UE tirrimborża l-ispejjeż eliġibbli għal attivitajiet eliġibbli. Pereżempju, isiru pagamenti bħal dawn għal proġetti ta’ riċerka (taħt l-infiq fil-qasam ta’ “Kompetittività”), investiment fi żvilupp reġjonali u rurali u skemi ta’ taħriġ (koperti mill-infiq taħt il-politika ta’ “Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali” u “Riżorsi naturali”) u proġetti ta’ għajnuna għall-iżvilupp (taħt “Ewropa Globali”).
L-infiq taħt ġestjoni kondiviża jikkontribwixxi b’mod proporzjonali għall-iżball kumplessiv

L-ittestjar jipprovdi wkoll riżultati għal kull qasam ta’ nfiq, kif ippreżentat fid-Dijagramma 4. Il-mod li bih l-infiq tal-UE huwa mmaniġġjat, direttament jew indirettament mill-Kummissjoni jew kondiviż mal-Istati Membri, għandu impatt limitat fuq ir-regolarità. Għall-2016, il-livelli ta’ żball stmati għall-infiq taħt ġestjoni kondiviża u għall-forom l-oħra kollha ta’ nfiq operazzjonali huma kważi identiċi.

Riżorsi naturali” kellu l-akbar sehem ta’ nfiq awditjat (45 %). “Appoġġ tas-suq u għajnuna diretta”, li prinċipalment jikkonsisti f’pagamenti ta’ għajnuna diretta lil bdiewa, jirrappreżenta aktar minn tliet kwarti ta’ dan il-qasam u huwa ħieles minn żball materjali (livell ta’ żball stmat: 1.7 %). “Żvilupp rurali, ambjent, azzjoni klimatika u sajd” huwa l-komponent l-ieħor ta’ dan il-qasam u huwa affettwat minn żball materjali (livell ta’ żball stmat: 4.9 %).

L-intestatura li tirrigwarda l-politika ta’ “Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali” tirrappreżenta t-tieni l-akbar parti tal-infiq awditjat (28 %). L-iżbalji f’dan il-qasam huma prinċipalment dovuti għal benefiċjarji, attivitajiet, proġetti jew infiq ineliġibbli (madwar 70 %). Kważi l-infiq kollu jieħu l-forma ta’ pagamenti bbażati fuq ir-rimborż tal-ispejjeż. Is-sena finanzjarja 2016 hija l-aħħar sena li fiha l-infiq kollu li awditjajna huwa relatat mal-QFP 2007-2013. Fis-snin li ġejjin, aħna nistennew li naraw sehem dejjem akbar ta’ fondi relatati mal-QFP 2014-2020.

L-iżbalji kumplessivi f’dawn iż-żewġ oqsma ta’ ġestjoni kondiviża jirrappreżentaw 79 % tal-livell ta’ żball stmat minna għall-2016.

Dijagramma 4

Riżultati tal-ittestjar tal-2016, skont il-qasam ta’ nfiq tal-UE

%Il-livell ta’ żball stmat huwa bbażat fuq l-iżbalji kwantifikabbli li qbadna matul ix-xogħol tagħna, b’mod partikolari l-ittestjar ta’ kampjun ta’ tranżazzjonijiet. Aħna nużaw tekniki standard tal-istatistika biex nieħdu dan il-kampjun u biex nistmaw il-livell ta’ żball (ara l-Kapitolu 1, l-Anness 1.1 għar-Rapport Annwali 2016).

*Aħna ma nipprovdux valutazzjoni speċifika għall-infiq taħt l-Intestatura 3 tal-QFP (Sigurtà u ċittadinanza) jew l-Intestatura 6 tal-QFP (Kumpens), u lanqas għal infiq ieħor (strumenti speċjali li ma jaqgħux taħt il-QFP 2014-2020 bħar-Riżerva ta’ Għajnuna f’Emerġenza u l-Istrument ta’ flessibbiltà). Madankollu, ix-xogħol li wettaqna f’dawn l-oqsma jikkontribwixxi għall-konklużjoni kumplessiva tagħna dwar l-infiq għall-2016.

Il-livell ta’ żball stmat fl-infiq fuq “Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi” jibqa’ ogħla mil-livell ta’ żball għall-baġit tal-UE fl-intier tiegħu (3.1 %). Il-biċċa l-kbira mill-iżbalji kienu relatati mar-rimborż ta’ spejjeż għall-persunal jew ta’ spejjeż indiretti li kienu ineliġibbli u li ġew iddikjarati mill-benefiċjarji ta’ proġetti ta’ riċerka.

Għal “Ewropa Globali”, in-nuqqas ta’ dokumenti essenzjali u l-approvazzjoni ta’ prefinanzjament, mill-Kummissjoni, mingħajr ma dan kien iġġustifikat minn rapporti finanzjarji, jirrappreżentaw żewġ terzi tal-livell totali ta’ żball stmat.

Id-Dijagramma 5 tqabbel il-livelli ta’ żball stmati fid-diversi oqsma ta’ nfiq bejn l-2014 u l-2016. Għal aktar informazzjoni dwar ir-riżultati fid-dħul u f'kull qasam ta’ nfiq ikklikkja hawn, u fil-kapitoli rilevanti tar-Rapport Annwali 2016.

Dijagramma 5

Tqabbil bejn il-livelli ta’ żball stmati għall-oqsma ta’ nfiq tal-UE (2014-2016)

%Il-livell ta’ żball stmat huwa bbażat fuq l-iżbalji kwantifikabbli li qbadna matul ix-xogħol tagħna, notevolment l-ittestjar ta’ kampjun ta’ tranżazzjonijiet. Aħna nużaw tekniki standard tal-istatistika biex nieħdu dan il-kampjun u biex nistmaw il-livell ta’ żball (ara l-Kapitolu 1, l-Anness 1.1 għar-Rapport Annwali 2016).

*Fl-2014, aħna inkludejna l-kundizzjonalità fl-ittestjar tat-tranżazzjonijiet li wettaqna u żbalji ta’ dan it-tip ikkontribwew 0.6 punti perċentwali għal-livell kumplessiv ta’ żball stmat għall-Intestatura tal-QFP “Riżorsi naturali”. Minħabba f’bidla fil-qafas legali tal-PAK, dan ma kienx għadu l-każ għall-2015 u l-2016.

F’ċerti ċirkustanzi, aħna nieħdu inkunsiderazzjoni l-azzjoni korrettiva li tkun ittieħdet meta nistmaw il-livell ta’ żball

L-Istati Membri u l-Kummissjoni japplikaw miżuri korrettivi f’każijiet ta’ nfiq irregolari u meta żbalji fil-pagamenti ma jkunux inqabdu aktar kmieni fil-proċess. Aħna nagħmlu ħilitna biex, fir-riżultati tal-awditjar tagħna, nieħdu kont ta’ dawn il-miżuri meta jittieħdu qabel il-pagament jew qabel l-eżaminar li nwettqu. Aħna mbagħad niċċekkjaw l-applikazzjoni tal-korrezzjonijiet u naġġustaw il-livell ta’ żball stmat minna kull fejn dan ikun xieraq.

Fl-2016, li kieku ma ġewx applikati miżuri korrettivi bħal dawn għall-pagamenti li aħna awditjajna, il-livell kumplessiv ta’ żball stmat minna kien ikun ta’ 4.3 % minflok 3.1 %.

Barra minn hekk, kien hemm informazzjoni suffiċjenti disponibbli biex proporzjon sinifikanti ta’ żbalji jiġu prevenuti, jew biex jinqabdu u jiġu kkoreġuti qabel ma l-infiq ġie ddikjarat lill-Kummissjoni. Li kieku din l-informazzjoni ntużat biex l-iżbalji jiġu kkoreġuti, il-livell ta’ żball stmat għall-infiq kumplessiv fuq “Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali” u “Ewropa Globali” kien ikun taħt is-soll ta’ materjalità ta’ 2 % fl-2016. Dan ifisser li ma hemmx ħtieġa li jsiru kontrolli addizzjonali fuq l-infiq tal-UE, iżda li l-kontrolli eżistenti jridu jiġu infurzati sew.

L-informazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-regolarità tal-infiq tikkonforma, b’mod ġenerali, mar-riżultati tagħna

Kull direttorat ġenerali (DĠ) tal-Kummissjoni jipproduċi rapport annwali tal-attività. Dan jinkludi dikjarazzjoni li fiha d-Direttur Ġenerali jipprovdi aċċertament li r-rapport jippreżenta b’mod xieraq l-informazzjoni finanzjarja u li t-tranżazzjonijiet taħt ir-responsabbiltà tiegħu huma legali u regolari. Id-DĠ kollha pprovdew stima tal-livell ta’ żball u fil-biċċa l-kbira mill-każijiet dawn jikkonformaw, b’mod ġenerali, mal-istimi tagħna.

Aħna nirrappurtaw każijiet ta’ frodi suspettata lill-OLAF

Il-frodi hija att ta’ qerq deliberat biex jinkiseb benefiċċju. Għalhekk, l-istima tagħna tal-livell ta’ żball fil-baġit tal-UE la hija kejl ta’ frodi u lanqas ta’ ineffiċjenza jew ħela. Hija stima tal-flus li ma kellhomx jitħallsu minħabba li ma ntużawx skont ir-regoli u r-regolamenti applikabbli.

Aħna nirrappurtaw il-każijiet kollha ta’ frodi suspettata li jkunu nqabdu matul ix-xogħol tal-awditjar tagħna lill-OLAF, l-uffiċċju tal-Unjoni Ewropea kontra l-frodi. Imbagħad, hija r-responsabbiltà tal-OLAF li jinvestiga u jagħti segwitu lil dawn il-każijiet, fejn ikun xieraq f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali. Fl-2016, aħna sibna 11-il każ ta’ frodi suspettata f’bejn wieħed u ieħor 1 000 tranżazzjoni li awditjajna għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħna u għal awditi oħra tal-prestazzjoni u/jew tal-konformità (2015: 12).

Dawn il-każijiet ingħaddew lill-OLAF, flimkien ma’ ħames każijiet oħra li l-pubbliku ġibdilna l-attenzjoni għalihom. il-każijiet ta’ frodi suspettata kienu jikkonċernaw il-ħolqien artifiċjali ta’ kundizzjonijiet sabiex tinkiseb l-eliġibbiltà għal sussidju, in-nuqqas ta’ twassil ta’ beni jew servizzi, każijiet fejn id-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż ma ssodisfawx il-kriterji ta’ eliġibbiltà, kunflitti ta’ interess u irregolaritajiet fl-akkwist.

Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar is-sejbiet prinċipali tingħata fil-Kapitolu 1 tar-Rapport Annwali 2016 dwar il-baġit tal-UE. Tista’ ssib it-test sħiħ tar-rapport annwali fuq is-sib web tagħna (http://www.eca.europa.eu/mt/Pages/DocItem.aspx?did=41732).

Il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja tiffaċċja l-isfidi

L-ammonti li jridu jitħallsu fis-snin li ġejjin laħqu l-ogħla livell li qatt intlaħaq

Fl-2016, l-UE għamlet inqas pagamenti milli kien ippjanat inizjalment. Dan kien prinċipalment dovut għal dewmien sinifikanti sakemm inbdew l-iżborżamenti minn ħafna mill-programmi tal-Qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2014-2020 li kienu taħt ġestjoni kondiviża, b’mod partikolari l-fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (SIE) fl-oqsma tal-koeżjoni u l-iżvilupp rurali.

Fl-istess ħin, obbligi futuri ġew ivvalidati kważi kif kien ippjanat. B’riżultat ta’ dan, l-ammonti li jridu jitħallsu fi snin li ġejjin laħqu madwar EUR 238.8 biljun, li huwa l-ogħla livell li qatt intlaħaq. Jenħtieġ li l-eliminazzjoni ta’ dawn l-arretrati u l-prevenzjoni tal-ħolqien ta’ oħrajn ġodda jkunu prijoritajiet meta jkun qed jiġi ppjanat il-QFP għall-perjodu ta’ wara l-2020.

L-esponiment finanzjarju kumplessiv tal-baġit tal-UE kiber ukoll, b’obbligazzjonijiet, garanziji u obbligi ġuridiċi sinifikanti u fuq terminu twil. Dan jimplika li jeħtieġ li l-ġestjoni ssir b’attenzjoni fil-futur biex jiġu llimitati r-riskji għall-baġit tal-UE f’dan il-qasam.

L-Istati Membri jistgħu jsibuha diffiċli biex jassorbu xi wħud mill-fondi tal-UE li huma disponibbli

Il-fondi SIE (il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd) jirrappreżentaw madwar terz tal-infiq tal-UE u jikkostitwixxu proporzjon sinifikanti tal-infiq tal-amministrazzjoni pubblika ta’ xi Stati Membri (ara d-Dijagramma 6).

Dijagramma 6

Infiq pendenti mill-fondi SIE (fi tmiem l-2016; % tal-infiq tal-amministrazzjonijiet pubbliċi għall-2016)

Minħabba l-approprjazzjonijiet ta’ impenn imdaqqsin li għadhom disponibbli taħt il-QFP 2014-2020, l-Istati Membri fejn il-fondi SIE jirrappreżentaw perċentwal sinifikanti tal-infiq tal-amministrazzjoni pubblika jistgħu jsibuha diffiċli jidentifikaw biżżejjed proġetti ta’ kwalità għolja biex fuqhom jonfqu l-fondi disponibbli tal-UE jew jipprovdu kofinanzjament.

Aħna osservajna li, b’mod ġenerali, id-dħul mill-baġit tal-UE jikkostitwixxi proporzjon sinifikanti tal-investiment kapitali ta’ xi Stati Membri f’sena partikolari. Dan ifisser li d-daqs u t-twaqqit ta’ tali dħul jista’ jkollu effetti makroekonomiċi sinifikanti, pereżempju fuq l-investiment, it-tkabbir u l-impjiegi, li jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti meta jkun qed jiġi ppjanat l-infiq futur fil-baġit tal-UE.

Il-baġit tal-UE ftit li xejn jipprovdi flessibbiltà għal rispons għal avvenimenti mhux previsti

Is-sistema baġitarja tal-UE hija maħsuba biex tipprovdi finanzjament prevedibbli għall-programmi ta’ nfiq tal-UE fuq terminu twil. L-UE għandha wkoll għadd ta’ strumenti baġitarji biex tindirizza sitwazzjonijiet ta’ emerġenza b’mod flessibbli. Dawn l-istrumenti ntużaw dejjem aktar fis-snin reċenti, pereżempju biex jindirizzaw il-kriżi tar-refuġjati.

Minħabba d-dewmien fil-pagamenti għal ħafna mill-programmi tal-QFP 2014-2020, aħna nemmnu li hemm riskju li l-limiti massimi għall-infiq jintlaħqu permezz ta’ nfiq normali fis-snin li ġejjin. Dan iħalli inqas lok għall-flessibbiltà li hi tant meħtieġa fil-baġit tal-UE biex jiġu indirizzati avvenimenti mhux mistennija.

Il-kumplessità tal-arranġamenti ta’ finanzjament tal-UE kompliet tiżdied

Il-baġit tal-UE huwa mekkaniżmu waħdieni li huwa suġġett għal regoli speċifiċi. Dan jgħin biex jiġu żgurati l-obbligu ta’ rendikont u t-trasparenza għaċ-ċittadini tal-UE u għar-rappreżentanti tagħhom.

Madankollu, minħabba l-ħtieġa li jinstabu fondi addizzjonali biex jiġu indirizzati sfidi ġodda (bħall-kriżi finanzjarja, l-azzjoni klimatika, il-migrazzjoni u l-kriżi tar-refuġjati, u l-istimular ta’ investiment fl-UE), l-arranġamenti ta’ finanzjament evolvew ħafna matul is-snin. B’riżultat ta’ dan, l-għadd ta’ entitajiet u ta’ strumenti involuti fl-iffinanzjar tal-implimentazzjoni tal-politiki u l-programmi tal-UE żdied konsiderevolment. Dan jagħmilha aktar diffiċli biex l-infiq tal-UE jiġi mmaniġġjat, awditjat u rrappurtat b’mod effettiv, jew biex tinkiseb stampa ġenerali komprensiva.

Aħna nosservaw li jekk din ix-xejra tkompli, hemm ir-riskju li l-obbligu ta’ rendikont u t-trasparenza tal-baġit tal-UE jiddgħajfu.

Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar is-sejbiet prinċipali li jirrigwardaw il-ġestjoni baġitarja u finanzjajrja tingħata fil-Kapitolu 2 tar-Rapport Annwali 2016 dwar il-baġit tal-UE.

Jenħtieġ li jiżdied il-fokus fuq il-prestazzjoni

Il-qafas għar-rappurtar dwar il-prestazzjoni applikat mill-Kummissjoni jista’ jibbenefika mill-adozzjoni ta’ prattika tajba internazzjonali

Jenħtieġ li l-fondi tal-UE jintnefqu f’konformità mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba: ekonomija, effiċjenza u effettività. Il-Kummissjoni tapplika qafas kumpless u divers għall-kejl tal-prestazzjoni u r-rappurtar tar-riżultati miksuba mill-baġit tal-UE. Aħna qabbilna l-qafas applikat mill-Kummissjoni ma’ standards internazzjonali u mal-prattika tajba ta’ gvernijiet nazzjonali u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra. Dan ippermettielna nidentifikaw bosta oqsma li fihom il-Kummissjoni tista’ titgħallem mingħand oħrajn u ttejjeb is-sistema ta’ rappurtar dwar il-prestazzjoni. Aħna nikkonkludu din it-taqsima billi nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:

  • tissimplifika l-kejl tal-prestazzjoni, pereżempju billi tkompli tnaqqas l-għadd ta’ objettivi u indikaturi;
  • tibbilanċja aħjar ir-rappurtar dwar il-prestazzjoni, pereżempju billi tippreżenta b’mod ċar informazzjoni dwar l-isfidi prinċipali għall-ksib tal-prestazzjoni, fir-rapporti ewlenin tagħha dwar il-prestazzjoni;
  • tkompli ttejjeb il-faċilità tal-użu, mill-utenti, tar-rapporti tagħha dwar il-prestazzjoni, pereżempju billi żżid l-użu ta’ għodod viżivi u interattivi għall-preżentazzjoni tad-data;
  • turi aħjar li r-riżultati tal-evalwazzjoni jintużaw tajjeb, pereżempju billi tieħu azzjoni ta’ segwitu b’mod aktar sistematiku;
  • tindika fir-rapporti ewlenin dwar il-prestazzjoni jekk, sa fejn taf hi, l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni pprovduta tkunx ta’ kwalità suffiċjenti;
  • tiffaċilita l-aċċesssibbiltà tal-informazzjoni dwar il-prestazzjoni.
Il-Kummissjoni taċċetta u timplimenta proporzjon kbir tar-rakkomandazzjonijiet tagħna

Din is-sena, aħna ħriġna konklużjonijiet dwar is-segwitu li ngħata għal 108 rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Kummissjoni bejn l-2010 u l-2013. Il-Kummissjoni implimentat 90 rakkomandazzjoni bis-sħiħ jew fil-biċċa l-kbira mill-aspetti. Anke dawk ir-rakkomandazzjonijiet li l-Kummissjoni inizjalment ma kinitx aċċettat ġew implimentati fil-biċċa l-kbira mill-każijiet. Aħna sibna li sitt rakkomandazzjonijiet biss ma kinux ġew implimentati (ara d-Dijagramma 7).

Dijagramma 7

Ħafna mir-rakkomandazzjonijiet tal-QEA ġew implimentati bis-sħiħ

Is-sena li għaddiet, aħna adottajna għadd rekord ta’ rapporti speċjali dwar firxa wiesgħa ta’ suġġetti

Aħna nivvalutaw il-prestazzjoni b’mod regolari fir-rapporti speċjali tagħna, li l-biċċa l-kbira minnhom huma bbażati fuq awditi tal-prestazzjoni jew fuq kombinament ta’ valutazzjonijiet tal-konformità u tal-prestazzjoni. Fl-2016, aħna adottajna 36 rapport speċjali, li kien għadd rekord. Ir-rapporti speċjali kollha tal-2016 huma elenkati fid-Dijagramma 8.

Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar il-valutazzjoni li wettaqna tal-prestazzjoni tingħata fil-Kapitolu 3 tar-Rapport Annwali 2016 dwar il-baġit tal-UE.

Dijagramma 8

Ir-rapporti speċjali tagħna — li huma prinċipalment awditi tal-prestazzjoni — huma disponibbli bi 23 lingwa tal-UE fuq is-sit web tagħna (http://www.eca.europa.eu/mt/Pages/AuditReportsOpinions.aspx?ty=Special%20report&tab=tab4)

Ħarsa aktar mill-qrib lejn id-dħul u l-oqsma ta’ nfiq

Dħul
EUR 144.7 biljun

X’awditjajna

L-awditu tagħna kopra l-parti tal-baġit tal-UE li tikkonċerna d-dħul, u li permezz tiegħu hija tiffinanzja l-infiq tagħha. Aħna eżaminajna ċerti sistemi ewlenin ta’ kontroll għall-kalkolu u l-ġbir tar-riżorsi proprji, u kampjun ta’ tranżazzjonijiet relatati mad-dħul.

Il-kontribuzzjonijiet ikkalkulati fuq il-bażi tal-introjtu nazzjonali gross (ING) tal-Istati Membri u fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) huma kkalkulati fuq il-bażi ta’ statistika u stimi makroekonomiċi pprovduti mill-Istati Membri. Fl-2016, id-dħul tal-UE bbażat fuq l-ING u fuq il-VAT kien jirrappreżenta 66 % u 11 %, rispettivament, tad-dħul totali tal-UE.

Ir-riżorsi proprji tradizzjonali (RPT), prinċipalment dazji doganali fuq importazzjonijiet miġbura mill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri f’isem l-UE, ipprovdew 14 % oħra tad-dħul tal-UE. Id-9 % tad-dħul tal-UE li jifdal ġejjin minn sorsi oħra (eż. kontribuzzjonijiet u rifużjonijiet li jirriżultaw minn ftehimiet u programmi tal-Unjoni, u multi imposti mill-Kummissjoni għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni).

X’sibna

Milqut minn żball materjali?

Le

Livell ta' żball stmat:

0.0 % (2015: 0.0 %)

Is-sistemi relatati mad-dħul li aħna eżaminajna kienu globalment effettivi. Fir-rigward tal-RPT, aħna qisna li xi kontrolli kienu biss parzjalment effettivi. Sibna wkoll xi oqsma fejn kien hemm lok biex il-Kummissjoni ttejjeb il-metodi li hija użat u l-proċess ta’ verifikazzjoni intenzjonat biex jiġu ddeterminati l-implikazzjonijiet ta’ attivitajiet multinazzjonali fuq l-istima tal-ING (b’mod partikolari, il-metodi biex jiġu ttrattati l-assi kkapitalizzati tar-Riċerka u l-Iżvilupp (R&Ż)). Dan jista’ jaffettwa l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri għall-baġit tal-UE.

X’nirrakkomandaw

Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:

  • tanalizza, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, l-implikazzjonijiet potenzjali kollha tal-attivitajiet ta’ kumpaniji multinazzjonali fuq l-istima tal-ING, u tipprovdilhom gwida dwar kif dawn l-attivitajiet għandhom jiġu ttrattati fil-kompilazzjoni tad-data dwar l-ING; u
  • tikkonferma li l-assi tar-R&Ż jkunu tniżżlu b’mod korrett fil-kontijiet nazzjonali tal-Istati Membri.

 

Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tad-dħul tal-UE tingħata fil-Kapitolu 4 tar-Rapport Annwali 2016 dwar il-baġit tal-UE.

Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi
EUR 15.2 biljun

X’awditjajna

L-awditu tagħna kopra l-infiq għar-riċerka u l-innovazzjoni, is-sistemi tal-edukazzjoni u l-promozzjoni tal-impjieg, suq uniku diġitali, l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika, l-immodernizzar tas-settur tat-trasport u t-titjib tal-ambjent ekonomiku, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs).

Fl-2016, l-infiq li kien suġġett għall-awditjar f’dan il-qasam kien ta’ EUR 15.2 biljun. Il-biċċa l-kbira mill-infiq kien f’forma ta’ għotjiet lil benefiċjarji pubbliċi jew privati li pparteċipaw fi proġetti. Ir-riskju prinċipali għar-regolarità tat-tranżazzjonijiet huwa li l-benefiċjarji jiddikjaraw spejjeż ineliġibbli li la jinqabdu u lanqas ma jiġu kkoreġuti qabel ma l-Kummissjoni tirrimborżahom.

L-infiq fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni, li fl-2016 irrappreżenta 59 % tal-infiq taħt din is-subintestatura, isir permezz tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp 2007-2013 (FP7) u Orizzont 2020, il-programm qafas għall-2014-2020.

X’sibna

Milqut minn żball materjali?

Iva

Livell ta' żball stmat:

4.1 % (2015: 4.4 %)

Il-biċċa l-kbira mill-iżbalji huma relatati mar-rimborż ta’ spejjeż ineliġibbli għall-persunal, spejjeż diretti ineliġibbli oħra (eż. spejjeż għall-ivvjaġġar u għal tagħmir li mhumiex relatati mal-proġett) jew spejjeż indiretti ineliġibbli li ġew iddikjarati mill-benefiċjarji. Dan jinkludi żbalji ta’ kalkolu, nuqqas ta’ evidenza ta’ sostenn għall-ispejjeż iddikjarati u spejjeż imġarrba barra l-perjodu ta’ żmien permess (ara l-eżempji fil-kaxxa).

Eżempji: Spejjeż ineliġibbli

F’każ wieħed, korp pubbliku ta’ pajjiż terz li kien qed jipparteċipa fi proġett fil-qasam tat-teknoloġija tal-bijokarburanti kkalkula l-ispejjeż għall-persunal b’mod skorrett u ddebita wkoll spejjeż mingħajr ma pprovda evidenza suffiċjenti li dawn kienu relatati mal-proġett.

F’każ ieħor, SME li kienet qed tipparteċipa fi proġett għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ikkoordinati għal emerġenzi tas-saħħa fl-UE ddikjarat spejjeż għall-persunal li kienu eċċessivament għolja u ddebitat ukoll ammonti għal spejjeż għall-persunal li ġġarrbu barra mill-perjodu koperti mid-dikjarazzjoni tal-ispejjeż.

Kien hemm informazzjoni suffiċjenti disponibbli biex proporzjon sinifikanti ta’ żbalji jiġu prevenuti, jew biex jinqabdu u jiġu kkoreġuti. Li kieku din l-informazzjoni ntużat biex l-iżbalji jiġu kkoreġuti, il-livell ta’ żball stmat għall-infiq kumplessiv fuq “Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi” kien ikun ta’ 2.9 %.

F’bosta każijiet, aħna sibna wkoll dewmien fid-distribuzzjoni tal-finanzjament tal-UE mill-koordinatur ta’ proġett lill-parteċipanti l-oħra fil-proġett. Dan jista’ jkollu konsegwenzi finanzjarji serji għall-parteċipanti fil-proġett, speċjalment għal SMEs b’kapital operatorju baxx.

Il-programm Orizzont 2020 għandu regoli ta’ finanzjament aktar sempliċi mill-FP7, u l-Kummissjoni għamlet sforzi konsiderevoli biex tnaqqas il-kumplessità amministrattiva. Is-simplifikazzjoni hija importanti minħabba li din tnaqqas il-piż amministrattiv u tista’ tnaqqas ir-riskji ta’ inċertezza legali u t-trattament inkonsistenti tal-benefiċjarji. Fl-2016, il-Kummissjoni pproponiet miżuri ulterjuri ta’ simplifikazzjoni (bħal appoġġ immirat għal intrapriżi li jkunu għadhom kemm jibdew u użu aktar mifrux ta’ somom f’daqqa). Madankollu, aħna naraw li hemm opportunitajiet biex il-qafas legali jiġi ssimplifikat aktar, iżda dawn jinvolvi wkoll xi riskji.

Ir-rapporti annwali tal-attività tad-Direttorati Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, għall-Edukazzjoni u l-Kultura, u għall-Mobbiltà u t-Trasport taw valutazzjoni ġusta tar-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, u l-informazzjoni pprovduta kienet tikkorrobora s-sejbiet u l-konklużjonijiet tagħna. Madankollu, aħna identifikajna xi differenzi bejn id-Direttorati Ġenerali fil-metodoloġiji li użaw għall-kalkolu tar-rati ta’ żball u l-ammonti f’riskju.

Mill-2014 ’il hawn, Servizz tal-Awditjar Komuni (CAS) huwa responsabbli għall-awditi ex post ta’ proġetti taħt il-programmi qafas għar-riċerka. Is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni awditja l-CAS u rrakkomanda li dan jagħlaq l-awditi li jwettaq b’mod aktar rapidu u li jtejjeb il-proċessi interni tiegħu għall-ippjanar, il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-awditi tiegħu għall-proġetti ta’ Orizzont 2020.

Minbarra l-kontrolli finanzjarji tagħha, il-Kummissjoni tivvaluta wkoll aspetti relatati mal-prestazzjoni għal kull proġett ta’ riċerka u innovazzjoni qabel ma tirrimborża l-ispejjeż. Aħna eżaminajna l-valutazzjoni tal-prestazzjoni li l-Kummissjoni wettqet għas-60 proġett kollaborattiv ta’ riċerka u innovazzjoni li konna kkampjunajna. Il-Kummissjoni qieset li l-biċċa l-kbira minn dawn il-proġetti kienu kisbu r-riżultati mistennija, u li wieħed minn kull ħamsa minnhom kellhom suċċess eċċezzjonali. Fl-istess ħin, 15 % tal-proġetti kienu waqgħu b’lura, skont il-Kummissjoni. Għal 7 % tal-proġetti, il-Kummissjoni qieset li l-ispejjeż irrappurtati ma kinux raġonevoli fir-rigward tal-progress li kien sar.

X’nirrakkomandaw

Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:

  • tirrazzjonalizza ulterjorment ir-regoli u l-proċeduri tal-programm Orizzont 2020 biex tnaqqas l-inċertezza legali, billi tagħmel aktar użu mill-opzjonijiet ta’ spejjeż simplifikati (bħal kostijiet (spejjeż) unitarji, somom f’daqqa, finanzjamenti b’rata fissa u premjijiet) fir-Regolament Finanzjarju rrivedut;
  • tadotta approċċ konsistenti għall-kalkolu ta’ rati ta’ żball u tal-ammonti kumplessivi f’riskju; u
  • tnaqqas iż-żmien li jittieħed biex jingħalqu l-awditi ex post u ttejjeb il-proċessi interni għall-ippjanar, il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-awditi.

Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tal-infiq tal-UE fuq “Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi” tingħata fil-Kapitolu 5 tar-Rapport Annwali 2016 dwar il-baġit tal-UE.

Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali
EUR 35.7 biljun

X’awditjajna

Dan il-qasam ta’ nfiq għandu l-għan li jnaqqas id-disparitajiet fl-iżvilupp bejn ir-reġjuni, li jirristruttura żoni industrijali li jkunu sejrin lura u li jħeġġeġ il-kooperazzjoni transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali.

Fl-2016, l-infiq li kien suġġett għall-awditjar f’dan il-qasam kien ta’ EUR 35.7 biljun. L-2016 kienet l-aħħar sena li għaliha l-pagamenti kollha li kienu suġġetti għall-awditu tagħna huma relatati mal-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013. L-infiq jikkonsisti f’żewġ partijiet prinċipali: il-politika reġjonali u urbana, u l-politika tal-impjiegi u l-affarijiet soċjali.

  • Il-politika reġjonali u urbana tal-UE tiġi implimentata fil-biċċa l-kbira permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta’ Koeżjoni (FK), li flimkien kienu jirrappreżentaw 76 % tal-infiq taħt il-qasam ta’ Koeżjoni fl-2016. Il-FEŻR jiffinanzja proġetti tal-infrastruttura, il-ħolqien jew il-preżervazzjoni ta’ impjiegi, inizjattivi reġjonali għall-iżvilupp ekonomiku u attivitajiet li jappoġġaw lill-SMEs. L-FK jiffinanzja investimenti f’infrastruttura ambjentali u tat-trasport fl-Istati Membri li għandhom ING per capita ta’ inqas minn 90 % tal-medja tal-UE.
  • Il-politika tal-impjiegi u l-affarijiet soċjali, li hija ffinanzjata prinċipalment permezz tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE), kienet tirrappreżenta 21 % tal-infiq taħt il-qasam ta’ Koeżjoni fl-2016. L-infiq f’dan il-qasam għandu l-għan li jtejjeb l-impjieg u l-opportunitajiet ta’ xogħol, u li jħeġġeġ livell għoli ta’ impjieg u l-ħolqien ta’ aktar impjiegi u impjiegi aħjar.

Il-ġestjoni tal-infiq hija kondiviża mal-Istati Membri u tinvolvi l-kofinanzjament tal-programmi operazzjonali li permezz tagħhom jiġu ffinanzjati l-proġetti. Ir-regoli ta’ eliġibbiltà għar-rimborż tal-ispejjeż huma stipulati fil-livell nazzjonali jew f’dak reġjonali u jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor u/jew minn programm għal ieħor.

Madwar 3 % tal-infiq taħt il-qasam ta’ Koeżjoni jsir permezz ta’ strumenti u fondi speċifiċi oħra, bħall-Istrument Ewropew ta’ Viċinat (ENI) u l-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD).

X’sibna

Milqut minn żball materjali?

Iva

Livell ta' żball stmat:

4.8 % (2015: 5.2 %)

Is-sorsi prinċipali ta’ żball fl-infiq fuq “Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali” fl-intier tiegħu huma l-inklużjoni ta’ spejjeż ineliġibbli fid-dikjarazzjonijiet li jsiru mill-benefiċjarji, l-għażla ta’ proġetti, attivitajiet jew benefiċjarji ineliġibbli (ara l-eżempji fil-kaxxa), u l-ksur tal-leġiżlazzjoni dwar l-akkwist pubbliku.

Eżempji

Spejjeż ineliġibbli ddikjarati: benefiċjarju għal proġett ta’ riċerka ffinanzjat taħt il-FEŻR fi Spanja kiser bosta regoli tal-UE u nazzjonali: l-ispejjeż ġew iddikjarati darbtejn, il-metodu predefinit għall-kalkolu ta’ spejjeż indiretti ġie applikat b’mod impreċiż u ma kienx iġġustifikat sew, u l-VAT rekuperabbli ġiet iddikjarata b’mod skorrett għal talba ta’ kofinanzjament.

Benefiċjarju ineliġibbli: is-sejħa għal proposti għal proġett taħt il-FEŻR fir-Repubblika Ċeka kienet tispeċifika li SMEs biss setgħu japplikaw. Madankollu, il-finanzjament ingħata lil benefiċjarju li ma kienx SME.

Għal proporzjon sinifikanti ta’ tranżazzjonijiet li fihom żbalji kwantifikabbli, l-awtoritajiet fl-Istati Membri kellhom informazzjoni suffiċjenti biex jipprevienu, jew biex jaqbdu u jikkoreġu l-iżbalji qabel ma jitolbu r-rimborż mill-Kummissjoni. Li kieku din l-informazzjoni ntużat biex l-iżbalji jiġu kkoreġuti qabel ma l-infiq ġie ddikjarat lill-Kummissjoni, il-livell ta’ żball stmat għall-infiq kumplessiv fuq “Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali” kien ikun ta’ 1,1 %, jiġifieri taħt is-soll ta’ materjalità ta’ 2 %.

Strumenti finanzjarji fil-FEŻR u fl-FSE

Sa tmiem l-2015, ir-rata medja ta’ żborżament favur ir-riċevituri finali tal-istrumenti finanzjarji kienet ta’ 75 %, meta mqabbel ma’ 57 % fis-sena preċedenti. L-istrumenti finanzjarji jieħdu l-forma ta’ investimenti ta’ ekwità, selfiet jew garanziji, u jintużaw biex il-fondi jitwasslu lil intrapriżi jew proġetti urbani. Fi tmiem l-2015, kienu twaqqfu total ta’ 1 052 strument finanzjarju, b’dotazzjoni kumulattiva ta’ madwar EUR 16.9 biljun. Bosta Stati Membri kienu qed isibuha diffiċli biex jużaw id-dotazzjonijiet tagħhom kompletament, u Spanja, l-Italja, in-Netherlands u s-Slovakkja kienu jinsabu sinifikattivament taħt il-medja tal-UE f’dan ir-rigward. Il-fatt li mhux il-flus kollha disponibbli setgħu jiġu żborżati jfisser li ma jitteħidx vantaġġ sħiħ ta’ wieħed mill-benefiċċji prinċipali ta’ dan it-tip ta’ strument, jiġifieri l-possibbiltà li l-fondi jintużaw aktar minn darba.

Aċċertament ipprovdut mill-Kummissjoni għall-perjodu 2007-2013

Fir-Rapport Speċjali Nru 36/2016 dwar it-tħejjijiet għall-għeluq tal-programmi 2007-2013, aħna osservajna li l-Kummissjoni kienet għamlet arranġamenti adegwati biex l-Istati Membri jagħlqu l-programmi operazzjonali tagħhom fil-qasam tal-Koeżjoni. Fir-Rapport Speċjali Nru 4/2017 dwar il-korrezzjonijiet finanzjarji implimentati mill-Kummissjoni fil-qasam tal-Koeżjoni matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, aħna kkonkludejna wkoll li l-Kummissjoni kienet għamlet użu effettiv mill-miżuri li kien hemm għad-dispożizzjoni tagħha biex tipproteġi l-baġit tal-UE minn infiq irregolari.

Ir-Rapporti Annwali tal-Attività (RAA) 2016 jagħtu informazzjoni proviżorja dwar l-ammonti f’riskju u dwar ir-riskju residwu, kemm għall-għeluq tal-perjodu 2007-2013 kif ukoll għall-pakkett annwali ta’ aċċertament żviluppat għall-perjodu 2014-2020. Il-valutazzjoni li l-Kummissjoni wettqet tad-dokumentazzjoni tal-għeluq ma kinitx dovuta qabel il-31 ta’ Awwissu 2017. Għaldaqstant, il-Kummissjoni se tirrapporta l-eżitu tal-valutazzjoni li wettqet tar-rati tar-riskju residwu kkomunikati mill-awtoritajiet tal-awditjar fir-RAA 2017 tagħha.

Aċċertament ipprovdut mill-Kummissjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020

Tliet snin wara l-bidu tal-perjodu 2014-2020, l-Istati Membri kienu nnominaw biss 77 % tal-awtoritajiet tal-programmi responsabbli għall-implimentazzjoni tal-fondi SIE. Aħna sibna wkoll li, f’nofs l-2017, id-dewmien fl-implimentazzjoni tal-baġit kien akbar milli kien fl-istess punt tal-perjodu 2007-2013.

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkjarifika kif l-awtoritajiet tal-awditjar tal-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-popolazzjonijiet tal-awditjar fil-każ ta’ strumenti finanzjarji. Jekk il-popolazzjoni tal-awditjar tiġi ddefinita bħala d-dotazzjoni inizjali, aktar milli l-infiq eliġibbli ddivulgat fil-kontijiet annwali, dan iwassal biex ir-rata residwa ma tiġix stmata b’mod suffiċjenti. Problema simili taffettwa l-pagamenti bil-quddiem li jsiru fil-forma ta’ għajnuna mill-Istat.

Valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-proġetti

Ibbażat fuq l-eżaminar li wettaqna ta’ 168 proġett fiżikament ikkompletati, aħna sibna li terz biss mill-proġetti eżaminati kellhom kellhom sistema ta’ kejl tal-prestazzjoni b’indikaturi tal-output u tar-riżultati marbuta mal-objettivi tal-programm operazzjonali. Filwaqt li l-biċċa l-kbira mill-proġetti li eżaminajna laħqu l-objettivi tagħhom għall-output mill-inqas parzjalment, 42 % ma kellhomx indikaturi tar-riżultati u/jew miri. B’hekk kien impossibbli li jiġi vvalutat il-kontribut speċifiku ta’ dawn il-proġetti għall-objettivi kumplessivi tal-programm fir-rigward tar-riżultati.

Fir-Rapport Speċjali Nru 2/2017, dwar in-negozjar, li sar mill-Kummisjoni, tal-ftehimiet ta’ sħubija 2014-2020 u l-programmi fil-qasam tal-Koeżjoni, għall-perjodu 2014-2020 aħna analizzajna d-differenzi sinifikanti fl-użu ta’ indikaturi tal-output u, jerġa’ aktar, fl-użu ta’ indikaturi tar-riżultati bejn il-fondi SIE. Differenzi ta’ dan it-tip jeżistu wkoll bejn l-oqsma ta’ politika, li jagħmilha diffiċli li jitqabblu r-riżultati miksuba taħt intestaturi differenti tal-baġit tal-UE.

X’nirrakkomandaw

Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:

  • tagħti attenzjoni partikolari, meta tkun qed tagħlaq il-programmi 2007-2013, għal oqsma li fihom hemm riskju akbar ta’ nfiq ineliġibbli jew tad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni impreċiża li tista’ twassal għal rimborż eċċessiv;
  • tindirizza, għall-perjodu 2014-2020, kwistjonijiet li jistgħu jipprevienu l-kalkolu affidabbli tar-rata residwa;
  • meta tkun qed terġa’ tqis it-tfassil u l-mekkaniżmu ta’ implimentazzjoni għall-Fondi SIE wara l-2020, issaħħaħ il-fokus tal-programm fuq il-prestazzjoni u tissimplifika l-mekkaniżmu għall-pagamenti billi tħeġġeġ, kif xieraq, l-introduzzjoni ta’ aktar miżuri li jorbtu l-livell ta’ pagamenti mal-prestazzjoni, minflok ma sempliċiment tirrimborża l-ispejjeż.
Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tal-infiq tal-UE fuq “Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali” tingħata fil-Kapitolu 6 tar-Rapport Annwali 2016 dwar il-baġit tal-UE.

Riżorsi naturali
EUR 57.9 biljun

X’awditjajna

Dan il-qasam ta’ nfiq ikopri l-politika agrikola komuni (PAK), il-politika komuni tas-sajd (PKS) u miżuri ambjentali.

Il-PAK hija l-bażi għall-infiq tal-UE fuq l-agrikoltura. Hija għandha l-għan li żżid il-produttività agrikola, u għaldaqstant li tiżgura livell ġust ta’ għajxien għall-komunità agrikola, tistabbilizza s-swieq u tiżgura d-disponibbiltà tal-provvisti bi prezzijiet raġonevoli.

Fl-2016, l-infiq li kien suġġett għall-awditjar f’dan il-qasam kien ta’ EUR 57.9 biljun. Il-ġestjoni tal-infiq tal-PAK hija kondiviża mal-Istati Membri. Hija tiġi implimentata permezz ta’ żewġ fondi:

  • il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG), li jiffinanzja kompletament l-għajnuna diretta mill-UE u l-miżuri tas-suq u li kien jirrappreżenta 77 % tal-infiq f’dan il-qasam;
  • il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), li jikkofinanzja l-programmi tal-iżvilupp rurali flimkien mal-Istati Membri u li kien jirrappreżenta 21 % tal-infiq.

L-infiq taħt iż-żewġ fondi jitwassal permezz ta’ madwar 80 aġenzija tal-pagamenti, li huma responsabbli biex jiċċekkjaw l-eliġibbiltà tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna u biex jagħmlu pagamenti lill-benefiċjarji.

Il-PKS hija prinċipalment implimentata permezz tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS), li huwa mmaniġġjat mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri taħt ġestjoni kondiviża.

Il-politika tal-UE dwar l-ambjent hija mmaniġġjata b’mod ċentrali mill-Kummissjoni. Il-programm għall-ambjent u l-azzjoni klimatika (LIFE) huwa l-akbar strument għall-infiq f’dan il-qasam.

X’sibna

Milqut minn żball materjali?

Agrikoltura – appoġġ tas-suq u għajnuna diretta:

Le  

Żvilupp rurali, ambjent, azzjoni klimatika u sajd:

Iva  

Riżorsi naturali, kumplessivament:

Iva

 

Livell ta’ żball stmat:

Agrikoltura – appoġġ tas-suq u għajnuna diretta:

1.7 % (2015: 2.2 %)

Żvilupp rurali, ambjent, azzjoni klimatika u sajd:

4.9 % (2015: 5.3 %)

Riżorsi naturali, kumplessivament:

2.5 % (2015: 2.9 %)

Appoġġ tas-suq u għajnuna diretta (FAEG)

Is-superfiċje ta’ art agrikola hija l-fattur varjabbli predominanti għal pagamenti ta’ għajnuna diretta. Titjib kontinwu fis-sistemi ta’ kontroll għen biex, fl-2016, il-livell ta’ żball għall-FAEG jitnaqqas taħt is-soll ta’ materjalità ta’ 2 % għall-ewwel darba. Ir-raġunijiet prinċipali kienu definizzjoni riveduta ta’ bwar permanenti eliġibbli, titjib fis-sistema ta’ identifikazzjoni tal-irqajja’ tal-art (LPIS) u l-applikazzjoni l-ġdida għall-għajnuna abbażi ta’ strumenti ġeospazjali (GSAA).

“Pagamenti ta’ ekoloġizzazzjoni” huma pagamenti addizzjonali ta’ appoġġ finanzjarju li jsiru lill-bdiewa li jikkonformaw mar-rekwiżiti ambjentali. Aħna eżaminajna kampjun ta’ 63 pagament bħal dan u sibna li l-bdiewa kkonformaw mar-rekwiżiti relatati mad-diversifikazzjoni tal-uċuħ tar-raba’ u l-protezzjoni ta’ bwar permanenti. Kien hemm xi żbalji fir-rigward ta’ erjas b’fokus ekoloġiku. Aħna sibna li bosta aġenziji tal-pagamenti jew ma kellhomx informazzjoni affidabbli dwar il-kategoriji ta’ art fl-LPIS tagħhom, jew inkella naqsu milli jużawha biex jivverifikaw il-klejms.

Żvilupp rurali, ambjent, azzjoni klimatika u sajd

In-natura u x-xejra tal-iżbalji jvarjaw bejn il-FAEŻR u l-oqsma l-oħra ta’ nfiq taħt “Riżorsi naturali”.

Minbarra benefiċjarji, attivitajiet, proġetti u elementi ta’ nfiq ineliġibbli, aħna sibna żbalji relatati ma’ art ineliġibbli u ettari eliġibbli ddikjarati b’mod eċċessiv. Din is-sena, tlieta mill-akbar żbalji ta’ eliġibbiltà kienu jinvolvu benefiċjarji li ma ddivulgawx il-fatt li huma kienu kkontrollati minn, kienu qed japplikaw b’mod konġunt ma’, jew kienu qed jixtru mingħand kumpaniji li magħhom kellhom rabtiet, kif inhu meħtieġ mir-regoli tal-UE jew dawk nazzjonali (ara l-eżempju).

Eżempju: Benefiċjarju ineliġibbli – appoġġ għall-SMEs mogħti lil kooperattiva li hija l-proprjetà ta’ kumpanija multinazzjonali kbira

Aħna eżaminajna l-appoġġ għal investiment li ngħata lil kooperattiva Litwana għall-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli. Skont ir-regoli tal-UE u dawk nazzjonali, appoġġ ta’ dan it-tip huwa disponibbli biss għall-intrapriżi mikro, żgħar u medji, kif iddeterminat mill-għadd ta’ impjegati, il-fatturat annwali u t-total tal-karta tal-bilanċ annwali. Intrapriżi relatati, bħal kumpaniji omm jew kumpaniji sussidjarji, iridu jiġu inklużi f’dan il-kalkolu. Aħna sibna li l-kooperattiva kkonċernata kienet il-proprjetà ta’ kumpanija multinazzjonali kbira u ma kinitx tikkwalifika bħala intrapriża mikro, żgħira jew medja.

Għal proporzjon sinifikanti ta’ tranżazzjonijiet li fihom żbalji kwantifikabbli, l-awtoritajiet nazzjonali kellhom informazzjoni suffiċjenti biex jipprevienu jew biex jaqbdu u jikkoreġu l-iżbalji qabel ma jitolbu r-rimborż mill-Kummissjoni. Li kieku din l-informazzjoni ntużat biex l-iżbalji jiġu kkoreġuti qabel ma l-infiq ġie ddikjarat lill-Kummissjoni, il-livell ta’ żball stmat għall-infiq kumplessiv fuq “Żvilupp rurali, ambjent, azzjoni klimatika u sajd” kien ikun ta’ 3.4 %.

Ir-rappurtar mid-DĠ AGRI dwar il-legalità u r-regolarità

Ir-rata ta’ żball aġġustata għal “Riżorsi naturali” ppreżentata fir-Rapport Annwali tal-Attività 2016 tad-DĠ AGRI hija konsistenti mal-konklużjoni tal-awditjar tagħna li l-livell kumplessiv ta’ żball għal dan il-qasam ta’ nfiq huwa materjali.

Fir-Rapport Speċjali Nru 7/2017 aħna lqajna b’sodisfazzjon ir-rwol il-ġdid tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni, jiġifieri li jivverifikaw il-legalità u r-regolarità tal-infiq taħt il-PAK. Madankollu, aħna identifikajna għadd ta’ dgħufijiet sinifikanti u rrakkomandajna li jsir titjib relatat mal-ikkampjunar, l-ittestjar u l-kalkolu tar-rati ta’ żball.

Valutazzjoni tal-prestazzjoni

L-eżaminar li wettaqna tal-prestazzjoni ta’ proġetti magħżula ta’ investiment fl-iżvilupp rurali wera li 95 % tal-investimenti kienu twettqu kif kien ippjanat.

Madankollu, f’34 % tal-każijiet kien hemm evidenza insuffiċjenti li l-ispejjeż kienu raġonevoli. Fejn fattibbli, l-użu ta’ opzjonijiet ta’ spejjeż simplifikati jillimita b’mod effettiv ir-riskji ta’ prezzijiet eċċessivi, dment li dawn ikunu ssettjati fil-livell it-tajjeb. Attwalment aħna qed inwettqu analiżi aktar dettaljata ta’ din il-kwistjoni, bil-ħsieb li nippubblikaw rapport speċjali dwar is-suġġett fl-2018.

Ix-xogħol li wettaqna fuq il-prestazzjoni tal-pagamenti ta’ ekoloġizzazzjoni identifika xi bidliet pożittivi fl-użu tal-art wara l-introduzzjoni tal-iskema, b’mod partikolari l-istabbiliment ta’ erjas b’fokus ekoloġiku għas-salvagwardja u t-titjib tal-bijodiversità. Fil-kampjun tagħna, l-erja agrikola li fuqha sibna bidliet pożittivi kienet tammonta għal madwar 3.5 % tar-raba’.

X’nirrakkomandaw

Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:

  • tirrevedi l-approċċ meħud mill-aġenziji tal-pagamenti biex jikklassifikaw u jaġġornaw il-kategoriji ta’ art fl-LPIS tagħhom u biex iwettqu l-kontrolli reċiproċi meħtieġa, sabiex tnaqqas ir-riskju ta’ żball fil-pagamenti ta’ ekoloġizzazzjoni;
  • tipprovdi gwida u tħeġġeġ it-tixrid tal-aħjar prattika fost l-awtoritajiet nazzjonali biex tiżgura li l-kontrolli tagħhom jidentifikaw rabtiet bejn l-applikanti u partijiet interessati oħra li jkunu involuti fil-proġetti appoġġati.
Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tal-infiq tal-UE fuq “Riżorsi naturali” tingħata fil-Kapitolu 7 tar-Rapport Annwali 2016 dwar il-baġit tal-UE.

Sigurtà u ċittadinanza
EUR 2.4 biljun

X’awditjajna

Dan il-qasam ta’ nfiq jiġbor flimkien diversi politiki li l-objettiv komuni tagħhom huwa li jissaħħaħ il-kunċett ta’ “ċittadinanza tal-UE” billi jinħoloq spazju ta’ libertà, ġustizzja u sigurtà mingħajr fruntieri interni.

Fl-2016, l-infiq li kien suġġett għall-awditjar f’dan il-qasam kien ta’ EUR 2.4 biljun. Dan l-ammont kopra l-protezzjoni tal-fruntieri, il-politika dwar l-immigrazzjoni u l-asil, il-ġustizzja u l-affarijiet interni, is-saħħa pubblika, il-protezzjoni tal-konsumatur, il-kultura, iż-żgħażagħ, l-informazzjoni u d-djalogu maċ-ċittadini. Din hija parti relattivament żgħira, iżda li dejjem qed tikber, tal-baġit tal-UE (bejn wieħed u ieħor 1.9 % fl-2016).

Sehem sinifikanti tal-infiq isir permezz ta’ 12-il aġenzija deċentralizzata li aħna nirrappurtaw dwarhom separatament fis-sensiela ta’ rapport annwali speċifiċi tagħna.

“Migrazzjoni u sigurtà”, li jirrappreżenta madwar in-nofs (53 %) tal-infiq, jiġi implimentat fil-biċċa l-kbira permezz ta’ ġestjoni kondiviża bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Il-fondi l-aktar importanti taħt din l-intestatura huma:

  • il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF), li għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-ġestjoni effettiva tal-flussi migratorji u għall-iżvilupp ta’ approċċ komuni tal-UE f’dak li jirrigwarda l-asil u l-immigrazzjoni;
  • il-Fond għas-Sigurtà Interna (FSI), li għandu l-għan li jinkiseb livell għoli ta’ sigurtà fl-UE.

Dawn il-fondi bdew fl-2014, meta ssostitwew il-programm SOLID (“Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni”), u se joperaw sal-2020.

Aħna eżaminajna wkoll għadd żgħir ta’ tranżazzjonijiet taħt intestaturi oħra ta’ dan il-qasam ta’ nfiq. Minħabba d-daqs żgħir tal-kampjun, aħna ma ninsabux f’pożizzjoni li nikkalkulaw rata ta’ żball rappreżentattiva għal “Sigurtà u ċittadinanza”.

X’sibna

Il-progress li sar mill-Kummissjoni u l-Istati Membri fir-rigward ta’ pagamenti taħt ġestjoni kondiviża mill-AMIF u l-FSE mexa bil-mod ħafna. Sa tmiem is-sena finanzjarja 2015, l-ebda pagamenti ma kien ġie kklerjat mill-Kummissjoni għal 15-il Stat Membru. Inqas minn 5 % tal-fondi disponibbli kienu ġew ikklerjati f’sitt Stati Membri, bejn 5 % u 10 % fi tliet Stati Membri, u bejn 10 % u 15 % f’erba’ Stati Membri.

Aħna identifikajna wkoll għadd ta’ dgħufijiet li affettwaw lil SOLID, l-AMIF u l-FSI u li jistgħu jdewmu l-implimentazzjoni ta’ dawn il-fondi, jaffettwaw negattivament il-valutazzjoni li l-Kummissjoni twettaq tas-sistemi tal-Istati Membri, idewmu l-korrezzjoni ta’ defiċjenzi fis-sistemi ta’ kontroll u jżidu r-riskju għall-eliġibbiltà, il-ġestjoni u l-kontroll ta’ azzjonijiet iffinanzjati.

Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tal-infiq tal-UE fuq “Sigurtà u ċittadinanza” tingħata fil-Kapitolu 8 tar-Rapport Annwali 2016 dwar il-baġit tal-UE.

Ewropa Globali
EUR 8.3 biljun

X’awditjajna

Dan il-qasam ikopri l-infiq fl-oqsma ta' politika barranija, appoġġ għal pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali tal-UE, kif ukoll l-għajnuna għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja li jiġu pprovduti lil pajjiżi li qed jiżviluppaw u lil pajjiżi ġirien (bl-eċċezzjoni tal Fondi Ewropej għall-Iżvilupp).

Fl-2016, l-infiq li kien suġġett għall-awditjar f’dan il-qasam kien ta’ EUR 8.3 biljun, ġie żborzat f’aktar minn 150 pajjiż. L-infiq jiġi implimentat jew direttament minn għadd ta’ Direttorati Ġenerali fil-Kummissjoni (jew mis-sede tagħhom fi Brussell jew mid-delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi riċevituri), jew inkella indirettament mill-pajjiżi benefiċjarji jew organizzazzjonijiet internazzjonali, bl-użu ta’ firxa wiesgħa ta’ strumenti ta’ kooperazzjoni u metodi ta’ twassil.

X’sibna

Milqut minn żball materjali?

Iva

Livell ta' żball stmat:

2.1 % (2015: 2.8 %)

F’dak li jirrigwarda l-kontribuzzjonijiet mill-UE għall-baġit ġenerali tal-pajjiżi riċevituri, il-Kummissjoni għandha flessibbiltà konsiderevoli biex tiddeċiedi jekk il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà jkunux ġew irrispettati. B’riżultat ta’ dan, ir-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli applikabbli huwa baxx. Dan huwa wkoll il-każ għal fondi tal-UE li jinġabru flimkien ma’ dawk ta’ donaturi internazzjonali oħra u li ma jkunux assenjati għal elementi speċifiċi ta’ nfiq. F’dawn il-każijiet, l-ispejjeż li huma ineliġibbli skont ir-regoli tal-UE spiss jistgħu jiġu koperti mill-kontribuzzjonijiet ta’ donaturi oħra.

Perċentwal ta’ 37 % tal-livell ta’ żball stmat huwa attribwibbli għal infiq li għalih ma ġietx ipprovduta dokumentazzjoni essenzjali ta’ sostenn (ara l-eżempju hawn taħt). Tipi importanti oħra ta’ żball jinkludu nfiq li jew ma jkunx iġġarrab jew inkella jkun ineliġibbli.

Eżempju: Ma ġewx ipprovduti dokumenti ta’ sostenn

Aħna eżaminajna l-infiq, li l-Kummissjoni aċċettat, għal għotja lil organizzazzjoni nongovernattiva li taħdem fil-qasam ta’ aċċess għal servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva. Il-benefiċjarju ma setax jipprovdi dokumenti ta’ sostenn biex jiġġustifika xi wħud mill-ispejjeż awditjati, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw salarji tal-persunal, assigurazzjoni, taxxa nazzjonali fuq l-introjtu, u kiri ta’ vetturi u klassijiet. Għalhekk, dawn l-ispejjeż tqiesu li kienu ineliġibbli.

Għal proporzjon sinifikanti ta’ tranżazzjonijiet li fihom żbalji kwantifikabbli, il-Kummissjoni kellha informazzjoni suffiċjenti biex tipprevieni jew biex taqbad u tikkoreġi l-iżbalji. Li kieku l-Kummissjoni għamlet użu xieraq mill-informazzjoni kollha li kellha għad-dispożizzjoni tagħha, il-livell ta’ żball stmat għall-infiq kumplessiv fuq “Ewropa Globali” kien ikun ta’ 1.4 %, jiġifieri taħt is-soll ta’ materjalità ta’ 2 %.

Rappurtar dwar il-konformità mid-DĠ Viċinat u Negozjati għat-Tkabbir (DĠ NEAR)

Bħal fi snin preċedenti u, bħala parti mill-isforzi tiegħu biex inaqqas l-iżbalji fil-pagamenti, id-DĠ NEAR ikkummissjona studju biex tiġi vvalutata r-“Rata tal-Iżball Residwu” (RER) fl-infiq f’dan il-qasam. Aħna vvalutajna l-metodoloġija tal-istudju, u sibna li, b’mod ġenerali, din kienet adatta għall-iskop tagħha u effettiva. Madankollu, aħna osservajna oqsma fejn seta’ jsir titjib, bħall-ħtieġa li l-awdituri jingħataw gwida addizzjonali dwar kif għandhom jistmaw l-iżbalji li jolqtu tranżazzjonijiet individwali.

Fir-rapport annwali tal-attività (RAA) tiegħu, id-DĠ NEAR jistma ammont fl-għeluq filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni l-effett probabbli ta’ kontrolli fis-snin sussegwenti (“kapaċità korrettiva”). Aħna jidhrilna li huwa probabbli li l-kapaċità korrettiva ġiet iddikjarata b’mod eċċessiv billi, ibbażat fuq l-eżaminar li wettaqna fuq kampjun ta’ ordnijiet ta’ rkupru, aħna sibna xi żbalji li ma nqabdux fil-popolazzjoni li ntużat għal din l-istima.

X’nirrakkomandaw

Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:

  • taħdem flimkien mal-awtoritajiet tal-awditjar fil-pajjiżi benefiċjarji li huma kandidati għall-adeżjoni, għat-titjib tal-kompetenza tagħhom, partikolarment permezz tal-organizzazzjoni ta’ seminars, l-istabbiliment ta’ netwerks u l-użu tal-għodod disponibbli, bħal ġemellaġġ jew assistenza teknika;
  • tiżviluppa indiċijiet tar-riskju għat-titjib tal-valutazzjoni bbażata fuq il-mudelli ta’ kontroll intern, biex b’hekk l-impatt tal-iżbalji jkun jista’ jitkejjel aħjar;
  • tiddivulga b’mod ċar l-ambitu tal-istudju dwar ir-RER u l-limiti inferjuri u superjuri tal-iżball stmat fir-RAA tagħha li jmiss;
  • ittejjeb il-kalkolu tal-kapaċità korrettiva għall-2017 billi tindirizza n-nuqqasijiet identifikati.
Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tal-infiq tal-UE fuq “Ewropa Globali” tingħata fil-Kapitolu 9 tar-Rapport Annwali 2016 dwar il-baġit tal-UE.

Amministrazzjoni
EUR 9.4 biljun

X’awditjajna

L-awditu tagħna kopra n-nefqa amministrattiva tal-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra tal-UE: il-Parlament, il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni, l-Ombudsman Ewropew, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE).

Fl-2016, l-infiq tal-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra kollha tal-UE li kien suġġett għall-awditjar kien ta’ EUR 9.4 biljun. L-infiq relatat mal-membri tal-persunal (bħas-salarji, il-pensjonijiet u l-allowances) kien jirrappreżenta madwar 60 % tat-total. Il-bqija ta’ dan l-infiq saret fuq bini, tagħmir, enerġija, komunikazzjoni u teknoloġija tal-informatika.

Ir-riżultati tal-awditi li wettaqna tal-aġenziji tal-UE, il-korpi deċentralizzati l-oħra, u l-Iskejjel Ewropej jingħataw f’rapporti annwali speċifiċi li huma ppubblikati separatament, flimkien ma’ sommarju tar-riżultati.

Ir-rapporti finanzjarji proprji tal-QEA jiġu awditjati minn awditur estern, u r-rapport tal-awditjar jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fuq is-sit web tagħna.

X’sibna

Milqut minn żball materjali?

Le

Livell ta' żball stmat:

0.2 % (2015: 0.6 %)

Kumplessivament, l-eżaminar li wettaqna tas-sistemi ma żvela l-ebda dgħufija sinifikanti. Madankollu, aħna sibna qasam fejn kien hemm lok għal titjib. Dan huwa indirizzat mir-rakkomandazzjoni li ġejja.

X’nirrakkomandaw

Aħna nirrakkomandaw li l-Parlament Ewropew:

  • jirrevedi l-qafas tiegħu għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ approprjazzjonijiet baġitarji allokati għal gruppi politiċi. Jenħtieġ li huwa jipprovdi wkoll gwida aħjar lill-gruppi politiċi u jimmonitorja b’mod aktar effettiv kif dawn japplikaw ir-regoli għall-awtorizzazzjoni u s-saldu tal-infiq, u kif iwettqu l-proċeduri ta’ akkwist.
Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tal-infiq tal-UE fuq “Amministrazzjoni” tingħata fil-Kapitolu 10 tar-Rapport Annwali 2016 dwar il-baġit tal-UE.

Fondi Ewropej għall-Iżvilupp
EUR 2.8 biljun

X’awditjajna

Il-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp (FEŻ) jipprovdu assistenza mill-UE għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp lill-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) u lill-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej (PTEE). L-infiq u l-istrumenti ta’ kooperazzjoni tal-FEŻ għandhom l-għan li jegħlbu l-faqar, u li jippromwovu żvilupp sostenibbli u l-integrazzjoni tal-pajjiżi AKP u l-PTEE fl-ekonomija dinjija.

Fl-2016, l-infiq li kien suġġett għall-awditjar f’dan il-qasam kien ta’ EUR 2.8 biljun. Il-FEŻ huma ffinanzjati mill-Istati Membri tal-UE u jiġu implimentati jew permezz ta’ proġetti individwali jew inkella permezz ta’ appoġġ baġitarju (kontribuzzjoni għall-baġit ġenerali jew għall-baġit settorjali ta’ pajjiż). Kull FEŻ huwa rregolat mir-regolament finanzjarju proprju tiegħu.

Il-FEŻ huma mmaniġġjati barra mill-qafas tal-baġit tal-UE mill-Kummissjoni Ewropea u, għal xi forom ta’ għajnuna, mill-Bank Ewropew tal-Investiment.

X’sibna

Affidabbiltà tal-kontijiet tal-FEŻ:

Il-kontijiet għall-2016 jippreżentaw b’mod ġust il-pożizzjoni finanzjarja tal-FEŻ, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħhom, il-fluss tal-flus tagħhom u l-bidliet fl-assi netti.

F’dak li jirrigwarda l-kontribuzzjonijiet mill-UE għall-baġit ġenerali tal-pajjiżi riċevituri, il-Kummissjoni għandha flessibbiltà konsiderevoli biex tiddeċiedi jekk il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà jkunux ġew irrispettati. B’riżultat ta’ dan, ir-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli applikabbli huwa baxx. Dan huwa wkoll il-każ għal fondi tal-UE li jinġabru flimkien ma’ dawk ta’ donaturi internazzjonali oħra u li ma jkunux assenjati għal elementi speċifiċi ta’ nfiq. F’dawn il-każijiet, l-ispejjeż li jkunu ineliġibbli skont ir-regoli tal-UE spiss jistgħu jiġu koperti minn kontribuzzjonijiet ta’ donaturi oħra.

In-nuqqas ta’ konformità mar-regoli ta’ akkwist kienu jirrappreżentaw madwar terz tal-iżball kumplessiv fil-FEŻ (ara l-eżempju hawn taħt). Tipi importanti oħra ta’ żball jinkludu nfiq li jew ma jkunx iġġarrab jew inkella jkun ineliġibbli.

Eżempju: Nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-akkwist

Aħna eżaminajna pagamenti għal servizzi konsultattivi dwar kwistjonijiet kummerċjali. Sibna li l-kuntratti li fuqhom huma bbażati dawn il-pagamenti ma kinux ingħataw wara proċedura tal-għażla kompetittiva, kif meħtieġ mill-ftehim ta’ għotja. Minflok, il-kuntratti ngħataw direttament lil konsulenti li kienu ħadmu fuq proġett preċedenti.

Għal proporzjon sinifikanti ta’ tranżazzjonijiet li fihom żbalji kwantifikabbli, il-Kummissjoni kellha informazzjoni suffiċjenti biex tipprevieni jew biex taqbad u tikkoreġi l-iżbalji. Li kieku l-Kummissjoni għamlet użu xieraq mill-informazzjoni kollha li kellha għad-dispożizzjoni tagħha, il-livell ta’ żball stmat għall-FEŻ kien ikun ta’ 2,6 %.

Rappurtar dwar il-konformità mid-DĠ Kooperazzjoni Internazzjonali u Żvilupp (DĠ DEVCO)

Bħal fi snin preċedenti u, bħala parti mill-isforzi tiegħu biex inaqqas l-iżbalji fil-pagamenti, id-DĠ DEVCO kkummissjona studju biex tiġi vvalutata r-“Rata tal-Iżball Residwu” (RER) fl-infiq f’dan il-qasam.

Aħna eżaminajna l-istudju tal-2016 dwar ir-RER u sibna li dan kien twettaq f’konformità mal-metodoloġija applikabbli għar-RER. Id-dgħufijiet kollha li ġew irrappurtati fir-Rapport 2013 tagħna kienu ġew indirizzati, bl-eċċezzjoni tal-metodu ta’ evalwazzjoni speċifiku għar-RER, li kien għadu jħalli marġni wiesa’ wisq għall-ġudizzju fl-istimar tar-rati ta’ żball individwali.

Fir-Rapport Annwali tal-Attività (RAA) 2016 tiegħu, id-DĠ DEVCO estenda r-riżerva tal-2015 għal “għotjiet taħt ġestjoni diretta” u “ġestjoni indiretta permezz ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali”, biex tinkludi wkoll “għotjiet u stimi ta’ programmi taħt ġestjoni indiretta”. Din ir-riżerva tikkonforma mar-rakkomandazzjonijiet u l-osservazzjonijiet proprji tagħna kemm f’dan ir-rapport annwali kif ukoll f’rapporti annwali preċedenti.

Id-DĠ DEVCO jirrapporta ammont f’riskju fl-għeluq filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni l-effett probabbli ta’ kontrolli fis-snin sussegwenti (“kapaċità korrettiva”). Aħna nemmnu li l-affidabbiltà taċ-ċifra tal-kapaċità korrettiva għall-2016 għadha qed tiġi affettwata negattivament billi l-iżbalji li nqabdu ma ġewx estrapolati kompletament għall-popolazzjoni mhux ittestjata, u minħabba li l-kalkolu ma ġiex irrikonċiljat mar-rapporti finanzjarji tal-FEŻ.

X’nirrakkomandaw

Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:

  • issaħħaħ il-monitoraġġ ta’ kuntratti tal-FEŻ li għadhom miftuħin iżda li skadew, sabiex tnaqqas l-ammont tagħhom.
  • tikkompleta r-reviżjoni tat-termini ta’ referenza għall-awditi u l-verifikazzjonijiet tal-infiq kollha tagħha sa tmiem l-2017.
  • tqis il-possibbiltà li tnaqqas l-estent tal-ittestjar sostantiv għar-RER fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet relatati ma’ appoġġ baġitarju b’riskju baxx, u li talloka mill-ġdid ir-riżorsi li tiffranka b’dan il-mod biex iżżid l-ittestjar sostantiv ta’ tranżazzjonijiet relatati ma’ proġetti.
  • testendi l-azzjonijiet fil-pjan ta’ azzjoni tagħha għall-2017 biex tkopri wkoll għotjiet u stimi ta’ programmi taħt ġestjoni indiretta (billi dawn issa jagħmlu wkoll parti mir-riżerva li tinħareġ fir-RAA).
  • ittejjeb aktar il-kalkolu tal-kapaċità korrettiva għall-2017 billi tindirizza n-nuqqasijiet li ġew identifikati.
Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tal-FEŻ tingħata fir-Rapport Annwali 2016 dwar l-attivitajiet iffinanzjati mit-8, mid-9, mill-10 u mill-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp.

Informazzjoni ta’ sfond

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u x-xogħol tagħha

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) hija l-awditur estern indipendenti tal-Unjoni Ewropea. Is-sede tagħha huwa fil-Lussemburgu u timpjega madwar 900 persuna min-nazzjonalitajiet kollha tal-UE f’attivitajiet professjonali u ta’ appoġġ.

Il-missjoni tagħna hija li nikkontribwixxu għat-titjib tal-ġestjoni finanzjarja tal-UE, li nippromwovu l-obbligu ta’ rendikont u t-trasparenza, u li naġixxu bħala l-gwardjan indipendenti tal-interessi finanzjarji taċ-ċittadini tal-UE. Aħna nwissu dwar riskji, nipprovdu aċċertament, nindikaw nuqqasijiet u suċċessi, u noffru gwida lil dawk li jfasslu l-politika u lil-leġiżlaturi tal-UE dwar kif jistgħu jtejbu l-ġestjoni tal-politiki u l-programmi tal-UE. Permezz tax-xogħol tagħna, aħna niżguraw li ċ-ċittadini tal-Ewropa jkunu jafu kif qed jintnefqu flushom.

Ir-rapporti u l-opinjonijiet tal-awditjar tagħna huma element essenzjali tal-katina ta’ obbligu ta’ rendikont tal-UE. Dawn jintużaw biex jintalab rendikont mingħand dawk li huma responsabbli mill-implimentazzjoni tal-politiki u l-programmi tal-UE: il-Kummissjoni, l-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra tal-UE, u l-amministrazzjonijiet fl-Istati Membri.

L-output tagħna

Aħna nipproduċu:

  • rapporti annwali dwar il-baġit tal-UE u dwar il-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp, inkluża dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni.
  • rapporti speċjali dwar suġġetti tal-awditjar magħżula, li jiġu ppubblikati matul is-sena, u li huma prinċipalment ir-riżultat ta’ awditi tal-prestazzjoni. Fl-2016, aħna ppubblikajna 36 rapport speċjali.
  • opinjonijiet, li jintużaw mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fl-approvazzjoni ta’ liġijiet tal-UE u deċiżjonijiet oħra b’implikazzjonijiet sinifikanti għall-ġestjoni finanzjarja, u prodotti oħra bbażati fuq analiżijiet. Fl-2016, aħna ppubblikajna żewġ opinjonijiet.
  • rapporti annwali speċifiċi li jippreżentaw l-opinjonijiet ifformulati minna b’segwitu għall-awditi finanzjarji li nwettqu għal kull waħda mid-diversi aġenziji u korpi tal-UE. Fl-2016, aħna ppubblikajna 52 rapport annwali speċifiku u 2 rapporti ta’ sinteżi dwar l-aġenziji u l-impriżi konġunti tal-UE.
  • pubblikazzjonijiet ibbażati fuq analiżijiet bħal analiżijiet panoramiċi u dokumenti informattivi.
  • rapporti annwali tal-attività li jipprovdu informazzjoni u fehim approfondit fir-rigward tal-attivitajiet tagħna għas-sena.

L-approċċ tal-awditjar għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħna, fil-qosor

L-opinjonijiet fid-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħna huma bbażati fuq evidenza oġġettiva miksuba minn ittestjar tal-awditjar skont l-istandards internazzjonali tal-awditjar.

Affidabbiltà tal-kontijiet
Il-kontijiet annwali tal-UE jipprovdu informazzjoni kompleta u preċiża?

Kull sena, id-direttorati ġenerali tal-Kummissjoni jiġġeneraw mijiet ta’ eluf ta’ entrati kontabilistiċi, filwaqt li jiġbru informazzjoni minn ħafna sorsi differenti (inklużi l-Istati Membri). Aħna nivverifikaw li l-proċessi kontabilistiċi jaħdmu kif suppost u li d-data kontabilistika li tirriżulta tkun kompleta, tkun irreġistrata b’mod korrett u tkun ippreżentata kif xieraq fir-rapporti finanzjarji tal-UE.

  • Aħna nevalwaw is-sistema kontabilistika biex jiġi żgurat li din tipprovdi bażi tajba għall-produzzjoni ta’ data affidabbli.
  • Aħna nivverifikaw proċeduri kontabilistiċi ewlenin biex niżguraw li dawn jiffunzjonaw b’mod korrett.
  • Aħna nwettqu kontrolli analitiċi tad-data kontabilistika biex niżguraw li din tkun ippreżentata b’mod konsistenti u li tidher raġonevoli.
  • Aħna niċċekkjaw direttament kampjun ta’ entrati kontabilistiċi biex niżguraw li t-tranżazzjoni ta’ bażi tkun teżisti u li din tkun ġiet irreġistrata b’mod preċiż.
  • Aħna niċċekkjaw rapporti finanzjarji biex niżguraw li dawn jippreżentaw is-sitwazzjoni finanzjarja b’mod ġust.
Regolarità tat-tranżazzjonijiet
It-tranżazzjonijiet tal-UE tal-introjtu u tal-pagamenti kontabilizzati bħala spejjeż, u li fuqhom huma bbażati l-kontijiet tal-UE, huma konformi mar-regoli applikabbli?

Il-baġit tal-UE jinvolvi miljuni ta’ pagamenti lil benefiċjarji, kemm fl-UE kif ukoll fil-bqija tad-dinja. Il-biċċa l-kbira minn dan l-infiq huwa mmaniġġjat mill-Istati Membri. Biex niksbu l-evidenza li neħtieġu, aħna nittestjaw direttament l-introjtu u l-pagamenti kontabilizzati bħala spejjeż (jiġifieri pagamenti interim, pagamenti finali u l-ikklerjar ta’ pagamenti bil-quddiem) u nivvalutaw is-sistemi li permezz tagħhom huma jiġu amministrati u ċċekkjati.

  • Aħna nivvalutaw is-sistemi għad-dħul u l-infiq biex niddeterminaw l-effettività tagħhom biex jiżguraw li t-tranżazzjonijiet li jimmaniġġjaw ikunu legali u regolari.
  • Aħna nieħdu kampjuni statistiċi ta’ tranżazzjonijiet mill-baġit kollu tal-UE biex nipprovdu bażi għal ittestjar dettaljat mill-awdituri tagħna.
  • Aħna neżaminaw it-tranżazzjonijiet ikkampjunati fid-dettall, normalment għand ir-riċevituri finali (eż. bidwi, istitut tar-riċerka, kumpanija li tipprovdi xogħlijiet jew servizzi permezz ta’ akkwist pubbliku), biex niksbu evidenza diretta li l-avveniment ta’ bażi jkun “jeżisti”, li jkun irreġistrat kif xieraq u li jkun jikkonforma mar-regoli biex isiru pagamenti.
  • Aħna nanalizzaw l-iżbalji u nikklassifikawhom bħala kwantifikabbli jew mhux kwantifikabbli.
  • Aħna nestrapolaw l-iżbalji kwantifikabbli biex niksbu livell ta’ żball stmat, kemm kumplessivament kif ukoll għal kull qasam li fih nagħmlu valutazzjoni speċifika.
  • Aħna nqabblu l-livell ta’ żball stmat ma’ soll ta’ materjalità ta’ 2 % u niffurmaw opinjoni.
  • L-opinjonijiet tagħna jieħdu wkoll kont ta’ informazzjoni rilevanti oħra, bħal rapporti annwali tal-attività u rapporti minn awdituri esterni oħra.
  • Aħna niddiskutu s-sejbiet kollha tagħna kemm mal-awtoritajiet fl-Istati Membri kif ukoll mal-Kummissjoni biex niżguraw li l-fatti jkunu korretti.

 

Il-prodotti kollha tagħna jiġu ppubblikati fuq is-sit web tagħna: http://www.eca.europa.eu.

Aktar informazzjoni dwar il-proċess tal-awditjar għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tingħata fl-Anness 1.1 tar-Rapporti Annwali 2016 dwar il-baġit tal-UE.

Is-sit web tagħna fih glossarju tat-termini tekniċi li nużaw fil-pubblikazzjonijiet tagħna (http://www.eca.europa.eu/mt/Pages/DocItem.aspx?did=41732).

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditorsECA

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2017

Print ISBN 978-92-872-7566-0 doi:10.2865/742759 QJ-04-17-451-MT-C
PDF ISBN 978-92-872-7568-4 doi:10.2865/713466 QJ-04-17-451-MT-N
HTML ISBN 978-92-872-7563-9 doi:10.2865/935632 QJ-04-17-451-MT-Q

 

TWISSIJA DWAR ID-DRITTIJIET TAL-AWTUR

©L-Unjoni Ewropea, 2017.

Ir-riproduzzjoni tal-kontenut għajr ir-ritratti hija awtorizzata, dment li s-sors jiġi rikonoxxut.

Għar-ritratti li ġejjin, ir-riproduzzjoni hija awtorizzata dment li jissemmew id-detentur tad-drittijiet tal-awtur, is-sors u l-isem tal-fotografi (fejn ikunu indikati):

Ritratti, *, *, *, *, * (lemin), *: ©UE 2017, sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Ritratt, *: ©UE 2017, sors: Il-KE, Servizz Awdjoviżiv/Mauro Bottaro

Ritratt, *: ©UE 2016, sors: Il-KE, Servizz Awdjoviżiv/Bruno Portela

Ritratt, * (xellug): ©UE 2015, sors: Il-KE, Servizz Awdjoviżiv/Carmen Jaspersen

Ritratti, * u *: ©UE 2017, sors: Il-KE, Servizz Awdjoviżiv/Bruno Portela

Ritratt, *: ©UE 2016, id-Delegazzjoni tal-UE fil-Honduras

Ritratt, *: ©UE 2012, sors: Il-KE, Servizz Awdjoviżiv/Cornelia Smet

Ritratt, *: ©UE 2017, sors: Il-KE, Kooperazzjoni internazzjonali u żvilupp

Għal kull użu jew riproduzzjoni tar-ritratt li ġej, irid jintalab il-permess direttament mingħand id-detentur tad-drittijiet tal-awtur u mingħand il-periti/l-inġiniera:

Ritratt, *: ©L-Unjoni Ewropea 2016, sors: Il-Kunsill tal-UE – Servizz Fotografiku. Philippe Samyn and Partners architects & engineers - lead and design partner, Studio Valle Progettazioni architects, Buro Happold engineers

Għal kull użu jew riproduzzjoni tar-ritratti li ġejjin, trid tikkonforma mal-kundizzjonijiet u r-restrizzjonijiet stipulati fil-liċenzja CCO https://creativecommons.org/publicdomain/zero/1.0/legalcode:

Ritratti, *, *, * (lemin), * (xellug) u *: Sors: Pixabay, CCO 1.0 Universal, dominju pubbliku

 

KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE

Personalment

Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f’dan is-sit: http://europa.eu/contact

Bit-telefown jew bil-posta elettronika

Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: http://europa.eu/contact

KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: http://europa.eu

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, mill-EU Bookshop fl-indirizz li ġej: http://publications.europa.eu/eubookshop. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara http://europa.eu/contact).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.